L-Abort f'Malta: Kif Isir l-Abort, u Kif Tikseb l-Għajnuna

Pregnacy test, abortion

Kif Tikseb Abort

Abort ifisser twaqqaf tqala u għalhekk ma tirriżultax fi twelid. Huwa magħruf ukoll bħala t-terminazzjoni tat-tqala. Din il-paġna tiddeskrivi l-għażliet varji ta' abort sigur disponibbli għan-nies f'Malta.

Hemm żewġ modi ewlenin ta' kif isir abort:
L-abort mediku jitwettaq bl-użu ta' pilloli li jikkaġunaw korriment u jista' jsir id-dar. L-abort kirurġiku huwa proċedura sempliċi biex titneħħa t-tqala, u jsir fi klinika barra l-pajjiż. Din l-app interattiva tgħidlek liema metodi ta' abort huma disponibbli fl-istadju tat-tqala tiegħek.
 

Minkejja l-projbizzjoni legali fuq l-abort, kull sena mijiet ta’ nisa f’Malta jkollhom abort. Iż-żewġ modi ewlenin kif in-nisa f'Malta jkollhom l-abort huma billi jivvjaġġaw lejn kliniċi tal-abort barra mill-pajjiż, jew billi jordnaw pilloli ta' l-abort siguri iżda illegali minn fuq l-internet.

L-abort ġeneralment huwa proċedura sigura. Statistikament, l-abort għandu inqas riskju ta' kumplikazzjonijiet mill-ħlas. L-abort ma jżidlekx ir-riskju tal-kanċer, jew li tiżviluppa mard mentali. Ma jaffettwax ukoll iċ-ċans tiegħek li terġa' toħroġ tqila fil-futur. Għal aktar informazzjoni ikklikkja hawn.

Meta tkun qed tfittex informazzjoni dwar l-abort, ikkonsulta biss sorsi u organizzazzjonijiet favur l-għażla. L-organizzazzjonijiet kontra l-abort (magħrufa wkoll bħala "favur il-ħajja") f'Malta huma magħrufa li jxerrdu gideb dwar l-abort biex iwaqqfu lin-nisa milli jagħmlu abort.

 
abortion pills
mifepristone
plus
misoprostol

Abort bil-Pilloli

Il-pilloli tal-abort normalment jistgħu jintużaw mill-mara stess id-dar sa 12-il ġimgħa* tat-tqala , imma żomm f'moħħok li l-pilloli jistgħu jieħdu ftit ġimgħat biex jaslu. Jekk ikun hemm bżonn ta' abort wara 12-il ġimgħa, dan ġeneralment isir b'mod kirurġiku f'pajjiżi li jippermettu l-abort wara 12-il ġimgħa, bħar-Renju Unit u l-Olanda.

Huwa fatt magħruf li n-nisa f’Malta jordnaw pilloli għal-abort siguri iżda illegali minn Women on Web u Women Help Women. Dawn huma organizzazzjonijiet ta’ fama tajba li huma magħrufa li jibagħtu pilloli awtentiċi u jieħdu ħsieb li jistaqsuk mistoqsijiet biex tkunu żgur li huwa sigur għalik li tuża pilloli għall-abort. Normalment jitolbuk donazzjoni ta' madwar EUR 90 biex ikopru l-ispiża tal-pilloli u l-posta. Il-pilloli normalment jieħdu minn ġimgħa sa erba' ġimgħat biex jaslu. Jekk il-pilloli huma tard jew ma jaslux jekk jogħġbok ikkuntattja l-organizzazzjoni li ordnajt mingħandhom, mhux lilna. Oqgħod attenta minn siti oħra fuq l-internet li jiddikjaraw li jbigħu l-pilloli tal-abort, minħabba li jistgħu ma jkunux affidabbli u l-pilloli jistgħu ma jkunux awtentiċi.
 

Hemm żewġ pilloli li jintużaw għal-abort - Mifepristone (Mifegynae, Mifeprex, jew RU-486) ​​u Misoprostol (Cytotec). Xi drabi jiġu pprovduti f'pakkett wieħed (jissejjaħ Comipack). Mifepristone 200mg ġeneralment jittieħed l-ewwel, segwit minn Misoprostol 800mcg l-għada. Mifepristone jinbela', filwaqt li Misoprostol jinżamm taħt l-ilsien jew bejn il-ħanek u l-ħaddejn għal tletin minuta. Il-korriment normalment jibda ftit minuti sa ftit sigħat wara li tieħu Misoprostol. Jekk id-demm ma tibdiex, tista' tittieħed doża oħra ta' Misoprostol.

Huwa normali li tara demm qawwi bil-clots u uġiegħ konsiderevoli wara li tuża pilloli għall-abort. In-nawżea hija wkoll effett sekondarju komuni. Ibuprofen (Nurofen) huwa effettiv biex itaffi l-uġigħ waqt l-abort. Madankollu, jekk titlef wisq demm (pereżempju timla aktar minn erba' maxi pads f'sagħtejn), ikollok uġigħ qawwi, jew jitlagħlek id-deni, ikollok bżonn tfittex għajnuna medika. Huwa rrakkomandat li jkollok lil xi ħadd li tafda miegħek meta tagħmel abort bil-pilloli id-dar.

 

Il-pilloli għall-abort itemmu it-tqala f'aktar minn 95% tal-każijiet. Biex tivverifika jekk l-abort kienx suċċess, tista' jew tagħmel test tat-tqala wara ġimagħtejn jew tlieta, jew ikollok ultrasound.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar kif isir abort bil-pilloli hawn.

stage of pregnancy

* Importanti: Meta tgħodd in-numru ta' ġimgħat fit-tqala tiegħek, qis li tgħodd mill-ewwel jum tal-aħħar period tiegħek. Għal tqaliet ta' aktar minn tmien ġimgħat, l-ultrasound jista' jiddata b'mod preċiż it-tqala.

Women on Web
Women Help Women
 
Travel for abortion
Choose a country for abortion

Abort fil-Klinika

Vjaġġi lejn kliniċi tal-abort barra minn Malta huwa l-mod ewlieni l-ieħor kif nisa f’Malta jiksbu abort. Il-prezzijiet tal-kliniki jibdew minn madwar EUR 800 għal tqala ta' inqas minn 14-il ġimgħa, u jiżdiedu għal aktar minn EUR 1,000 għal tqaliet aktar tard. Ftakar li minbarra l-ispejjeż tal-klinika tser ikollok bżonn tħallas ukoll għal titjiriet, spejjeż tal-ikel, u akkomodazzjoni.

Jekk se tivvjaġġa ġeneralment ikun aħjar li tagħżel abort kirurġiku li huwa proċedura ta' malajr f'ħafna każijiet. Il-kliniċi jvarjaw fil-punt fejn jibdew joffru abort kirurġiku - xi wħud jibdew joffruh minn 6 ġimgħat tqala, oħrajn jinsistu li tipprova l-pilloli tal-abort l-ewwel jekk tkun inqas minn 10 ġimgħat tqila.
Kun żgur li tiċċekkja mal-klinika tiegħek qabel tivvjaġġa.

 

Sa 14-il ġimgħa, abort kirurġiku jinvolvi t-tneħħija tat-tqala mill-vaġina bl-użu ta' ġbid tal-arja (aspirazzjoni bil-vakwu) u jista' jsir loppju lokali u kalmant ħafif jekk hemm bżonn. Għal tqaliet iktar avvanzati jinvolvi t-tneħħija tat-tqala bl-użu ta' forceps (dilatazzjoni u evakwazzjoni) taħt loppju ġenerali (iraqqduk kollok). Il-klinika tispjegalek eżattament x'għandek tistenna qabel, matul, u wara abort kirurġiku fl-istadju tat-tqala tiegħek.

 

Pajjiżi differenti għandhom regoli differenti sa liema stadju tat-tqala huwa permess l-abort u taħt liema ċirkostanzi. Ir-Renju Unit u l-Olanda jippermettu abort kirurġiku fit-tieni trimestru. Jekk m'intix ċittadina Maltija, jista' jkollok bżonn viża biex tidħol fir-Renju Unit. Jekk teħtieġ viża għar-Renju Unit, nirrikkmandawlek li tfittex kliniċi f'pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bħall-Olanda minflok. Hawnhekk hawn lista ta' kliniċi Ewropej tal-abort li joffru s-servizzi tagħhom lil nisa minn Malta.

Jekk tixtieq tivvjaġġa għal abort imma ma tistax taffordja l-ispiża, Abortion Support Network jistgħu jgħinuk. Tista' ċċempel lil Abortion Support Network fuq 2778 0991 jew 2034 1685. Jistgħu wkoll jgħinuk issib titjiriet, tagħżel kliniċi xierqa, u tibbukkja akkomodazzjoni.

Aborton travel checklist

Qabel ma ssiefer, kun żgura li bbukjajt appuntament ma’ klinika ta’ l-abort u li qbiltu prezz, qis li taf l-istorja medika tiegħek u l-allerġiji tiegħek (jekk hemm), qis li bbukjajt akkomodazzjoni għal żmien twil biżżejjed biex tkopri l-proċedura nnifisha u kwalunkwe appuntamenti ta' wara, li d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek huma validi, u li għandek assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea E111 (jekk inti ċittadina tal-UE).

 
Abortion clinic

Kliniki tal-Abort

Din hija lista ta’ kliniċi u organizzazzjonijiet li joffru servizzi tal-abort u joffru s-servizzi tagħhom lil nisa minn Malta. Dawn il-kliniċi jinsabu, fejn possibbli, qrib l-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija jew tal-linja. Ħafna minn dawn il-kliniċi joffru skont lil nisa li jivvjaġġaw minn pajjiżi bħal Malta fejn l-abort huwa illegali, u wħud mill-kliniċi Ingliżi jipprovdu servizz ta’ taxi lejn u mill-eqreb ajruport jew stazzjon tal-ferrovija. Dawn il-kliniċi jaħdmu ma' Abortion Support Network f'każ li jkollok bżonn għajnuna biex tiffinanzja l-abort tiegħek.

British flag

L-INGILTERRA


BPAS
Tel: +44 1789 416 569 

 

NUPAS
Tel: +44 1614 872 660

MSI 
Tel: +44 3453 003 737

Liverpool Women’s Hospital

Joffru ukoll servizzi lil dawk b'dijansjosi ta' anomalija fil-fetu (fatal fetal anomaly).

 

Mistoqsijiet Komuni

L-abort huwa illegali f’Malta. Nista' niġi fl-inkwiet jekk nagħmel abort?

It-teħid ta' pilloli li jikkaġunaw abort f'Malta huwa illegali, madankollu m'aħniex konxji ta' xi nisa li ttellgħu l-qorti reċentement. Madankollu, dan jista' jiġri jekk tinqabad. Jekk tixtieq parir legali minn avukati favur l-għażla, tista' tikkuntattja lill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa .

Il-pilloli tal-abort għandhom użi mediċinali oħra. Pereżempju, Mifepristone jintuża biex jikkura ċerti tipi ta' kanċer, u Misoprostol jintuża biex jikkura ulċeri fl-istonku.

Jekk tagħmel abort barra minn Malta f'pajjiż fejn huwa legali (li huwa kważi l-istati l-oħra kollha tal-UE), allura ma tistax tiġi mħarrka f'Malta.

Il-pilloli għall-abort jistgħu jintużaw id-dar?

Iva, pilloli għall-abort jistgħu jintużaw id-dar sa 12-il ġimgħa tqala, skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

Ir-riskji ta' abort mediku huma l-istess bħal dawk ta' korriment. Madwar 15% tat-tqaliet kollha jispiċċaw fi korriment, li ħafna minnhom ma jseħħux fi sptar. Ħafna nisa ikorru d-dar u jfittxu attenzjoni medika biss f'każ ta' problemi, bħal f'każ ta' emoroġija jew deni. Abort mediku jixbah korriment u jista' jseħħ b'mod sikur id-dar.

Kemm huma effettivi l-pilloli għall-abort?

Mifepristone u Misoprostol itemmu t-tqala f'99.5% tal-każijiet. F'97% tal-każijiet, il-ġisem tal-mara jelimina t-tqala kollha li tibqa' b'mod naturali.

 

Huwa normali li tara demm bil-clots għal bosta ġranet wara abort. Jekk għandek uġigħ estrem, fsada qawwija u fit-tul, tnixxija vaġinali li tinxtamm tinten jew deni, jista' jkun sinjal li għandek kumplikazzjoni u għandek tikseb għajnuna medika.

Kemm idumu l-pilloli għall-abort biex jaslu Malta?

Il-pilloli għall-abort minn Women on Web ġeneralment jaslu fi 1-3 ġimgħat, filwaqt li minn Women Help Women jieħdu ftit iżjed, għalkemm il-ħinijiet ta' Women Help Women ittejbu reċentement. Madankollu, il-ħinijiet ivarjaw minħabba li l-organizzazzjonijiet jużaw metodi differenti tal-posta. Jekk il-pilloli ma jaslux jew jaslu tard, jekk jogħġbok ikkuntattja l-organizzazzjoni li ordnajthom.

Nista' nuża analġeżiċi (pain killers) waqt abort bil-pilloli?

Iva. Uġigħ pjuttost qawwi huwa mistenni waqt abort u Ibuprofen (Nurofen) huwa l-iktar analġeżiku effettiv. Paracetamol (Panadol) jista' jintuża wkoll iżda jista' jkun inqas effettiv.

 

In-nawżea hija komuni wkoll waqt l-abort u pilloli bħal Motilium jistgħu jgħinu.

Se nara embrijun joħroġ wara abort bil-pilloli?

Probabbilment le. Se tara demm u clots iżda huwa rari ħafna li tara embrijun. Għal abort li jsir fl-ewwel 8 ġimgħat tat-tqala, l-embrijun ikun żgħir wisq biex jidher. Lil hinn minn 8 ġimgħat, embrijun jew partijiet minnu jistgħu jidhru, għalkemm dawn ġeneralment jiġu mgħottija bid-demm u l-clots.

Jien ħadt pilloli għall-abort u għandi bżonn nara tabib. Jistgħu jindunaw li użajt pilloli tal-abort?

Mhux jekk tgħidilhom. M'hemm l-ebda test li jistgħu jagħmlu biex jiċċekkjaw jekk ħadtx pilloli tall-abort, sakemm ma jsibux il-pilloli huma stess. Women on Web jagħtu parir li Misoprostol jitpoġġa taħt l-ilsien minflok ġewwa l-vaġina, sabiex ma jkunx jista' jinstab l-ebda residwu tal-pilloli.

 

Jekk ħadt pilloli tall-abort u taħseb li għandek bżonn għajnuna medika, pereżempju tħossok dgħajfa ħafna, qed tara wisq demm, jew għandek id-deni, għandek tfittex l-għajnuna immedjatament.

X'jiġri jekk nirremetti wara li nieħu Mifepristone jew Misoprostol?

Jekk tirremetti fl-ewwel 90 minuta wara li tibla' Mifepristone, dan jista' jkun inqas effettiv. Madankollu, kif avżat minn Women Help Women, xorta tista' tkompli bl-abort billi tieħu Misoprostol l-għada.

Jekk tirremetti 90 minuta jew aktar wara li tibla' Mifepristone, allura dan diġà ġie assorbit u m'għandekx għalfejn tinkwieta.

 

Billi Misoprostol jinżamm taħt l-ilsien għal 30 minuta u m'għandekx għalfejn tibla', ir-rimettar huwa inqas probabbli li jkun problema. Madankollu, jekk tirremetti matul dawk it-30 minuta għandek tieħu doża oħra ta' Misoprostol. It-tqegħid ta' Misoprostol fil-vaġina huwa wkoll possibli.

 

In-nawżea hija komuni ħafna matul il-proċess tal-abort. Tista' tieħu mediċini bħal Motilium biex tgħin f'dan.

X'jiġri jekk ninsa nieħu Misoprostol wara Mifepristone?

Misoprostol jista' jintuża sa 72 siegħa (3 ijiem) wara Mifepristone. Jekk ma tiħux Misoprostol wara li tieħu Mifepristone, jista' jkollok wieħed minn tliet riżultati:

1. Xorta jista' jkollok abort komplet, jew

2. Jista' jkollok fetu mhux vijabbli li jibqa' fl-utru u dan ikollu jitneħħa bi proċedura kirurġika minuri, jew

3. It-tqala tiegħek tista' tkompli.

M'hemm l-ebda evidenza li l-effetti ta' Mifepristone jistgħu jitreġġgħu lura bl-użu ta' Progesterone jew kwalunkwe mediċina oħra.

Kif inkun naf jekk il-pilloli tal-abort ħadmux?

Ftit sigħat wara li tieħu Misoprostol għandek tibda tara d-demm, li għandu jkun mill-inqas tqil daqs period. Peress li l-ormoni tat-tqala jieħdu ftit ħin biex jinżlu wara abort, test tat-tqala jibqa' pożittiv sa tliet ġimgħat wara l-abort.

 

Tista' tagħmel test tat-tqala ġimagħtejn wara li tieħu pilloli ta' abort: Jekk jirriulta negattiv, allura l-abort kien suċċess. Jekk jirriżulta pożittiv, dan mhux bilfors ifisser li l-abort ma ħadimx - għandek tagħmel test ieħor ġimgħa wara (3 ġimgħat wara l-pilloli tal-abort). Jekk jibqa' pożittiv wara 3 ġimgħat, allura l-abort seta' ma rnexxiex u jista' jkollok tirrepeti l-proċess jew tagħżel abort kirurġiku.

Tista' wkoll tirranġa biex ikollok ultrasound biex tiċċekja jekk it-tqala intemmetx.

Meta għandi nibda nuża l-kontraċezzjoni wara abort bil-pilloli?

Għandek tibda tuża l-kontraċezzjoni mill-ewwel, għax l-ovulazzjoni tista' sseħħ ftit wara l-abort. Jekk tuża l-pillola kontraċettiva, tista' tibda pakkett ġdid l-għada li tieħu Misoprostol. Jekk tibda l-pill aktar minn tlett ijiem wara li tieħu Misoprostol, għandek tuża kondom għad-disat ijiem li jmiss.

L-abort jaffettwa l-fertilità tiegħi?

Le, abort ma jaffettwax iċ-ċans li jkollok it-tfal fil-futur. Madankollu, jekk tiżviluppa kumplikazzjoni qis li tfittex għajnuna immedjatament biex tevita ħsara lill-utru.

L-embrijun jew il-fetu jistgħu jħossuhom uġigħ meta jiġu abortiti?

Le. Skond riċerka mill-Kulleġġ Irjali ta'l-Ostetriċjani u l-Ġinekoloġisti (RCOG), fetu m'għandux il-konnessjonijiet meħtieġa fil-moħħ biex iħoss l-uġigħ qabel 24 ġimgħa. L-abort bil-pilloli d-dar jitwettaq fl-ewwel 12-il ġimgħa tal-ġestazzjoni.

Ir-riċerka RCOG tista' tiġi aċċessata hawn .

Meta m'għandix nuża pilloli tal-abort?

M'għandekx tuża pilloli abortivi jekk:

 

  • Xi ħadd qed jisforzak biex ittemm it-tqala tiegħek kontra r-rieda tiegħek.

  • M'intix ċerta dwar jekk tridx ittemm it-tqala tiegħek.

  • L-ewwel jum tal-aħħar period tiegħek kien iktar minn 12-il ġimgħa ilu.

  • Għandek allerġija għal Mifepristone, Misoprostol, jew prostaglandini (dawn huma rari ħafna).

  • Għandek waħda mill-mard li ġej: Insuffiċjenza adrenali kronika, Disturbi emorraġiċi jew disturbi / mard tad-demm, jew Porfirji. (Dawn it-tipi ta' mard huma rarissimi.)

  • Għandek tqala ektopika (tqala barra mill-ġuf).

  • Inti waħdek. Għandek titlob lil sieħba, ħabiba jew persuna oħra fdata biex tibqa' miegħek waqt li tuża l-pilloli abortivi.

  • Qegħda taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi.

 

 

Nippreferi nagħmel abort fi klinika milli d-dar. X'inhuma l-għażliet tiegħi?

M'hemm l-ebda klinika tal-abort leġittima f'Malta u allura jkollok tivvjaġġa barra minn Malta. Id-destinazzjonijiet tas-soltu għan-nisa f’Malta huma l-Ingilterra (ir-Renju Unit) u l-Olanda. L-Italja kienet popolari fil-passat imma żomm f'moħħok li l-limitu tall-abort fl-Italja huwa biss ta' 90 jum tqala. Tista 'ssib lista ta' kliniċi tal-abort hawn.

Kif isir abort kirurġiku fi klinika?

Għal tqala sa 14-il ġimgħa, isir b'loppju lokali u jinvolvi l-użu ta' tubu zgħir li jintuża biex tinġibed it-tqala mil-utru. Għal din il-proċedura tista' tistenna li tkun fil-klinika għal ftit sigħat.

Lil hinn minn 14-il ġimgħa ser ikollok bżonn tattendi l-ġurnata ta' qabel għal preparazzjoni tal-utru, u fil-jum tal-proċedura ċ-ċerviċi tiġi mwessa u t-tqala titneħħa b'forceps taħt loppju ġenerali. Għal din il-proċedura tista' tistenna li tkun fil-klinika għal ġurnata sħiħa.

Kemm jiswa abort kirurġiku fil-klinika?

Aspirazzjoni (sa 14-il ġimgħa tqala) ġeneralment tiswa madwar 800 Ewro. Dilatazzjoni u evakwazzjoni (lil hinn minn 14-il ġimgħa tqala) ġeneralment tiswa bejn 1,500 u 2,000 Ewro. Żomm f'moħħok li jkollok tħallas ukoll għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni.

Ftakar li jekk m'għandekx imnejn tħallas l-ispejjeż kollha, Abortion Support Network ikunu jistgħu jgħinuk.

Kemm tirkupra malajr minn abort kirurġiku?

Normalment tirkupra malajr u ħafna nisa jerġgħu lura għax-xogħol wara ġurnata jew tnejn. Id-demm wara abort kirurġiku tista' jkompli ħiereġ għal 1-2 ġimgħat u ġeneralment jixbah perjodu normali. Id-demm ġeneralment tkun inqas milli wara abort mediku (abort bil-pilloli), u xi nisa jesperjenzaw biss ftit tbajja sal-period li jmiss.

Meta nista' nivvjaġġa wara abort kirurġiku?

Għandek tevita l-ivvjaġġar għal mill-inqas 24 siegħa wara li jkollok abort kirurġiku.

 
Abortion options app

Trid tkun taf liema għażliet tal-abort huma possibli fl-istadju tat-tqala tiegħek?

Uża l-app interattiva tagħna (bl-Ingliż).