Il-Kontraċettivi li jinstabu f'Malta

Fuq din il-paġna:

Ma tistax issib dak li qed tfittex? Ikkuntattjana.

Il-kontraċezzjoni hija legali f’Malta u diversi forom ta’ kontraċezzjoni huma disponibbli fl-ispiżeriji madwar Malta u Għawdex. L-età tal-kunsens sesswali f'Malta hija ta' sittax-il sena. Persuni 'l fuq minn sittax-il sena huma kkunsidrati wkoll kapaċi li jieħdu deċiżjonijiet dwar saħħithom mingħajr ma jkollhom bżonn il-kunsens mill-ġenituri. Dan ifisser li t-tobba u l-ispiżjara f'Malta għandhom jipprovdu kontraċezzjoni lil kull min għandu 'l fuq minn sittax-il sena.

Xi kontraċettivi, speċjalment dawk li għandhom ormoni (hormones), jistgħu jipproduċu effetti sekondarji (side effects) u jistgħu ma jkunux adattati għal kull mara. Kellem lit-tabib jew il-ġinekologu tiegħek dwar it-tipi differenti ta' kontraċettivi qabel ma tiddeċiedi liema kontraċettiv huwa l-aħjar wieħed għalik.

Kondoms huma l-uniċi kontraċettivi li mhux biss jipproteġu kontra t-tqala, iżda jgħinu wkoll biex inaqqsu r-riskju ta' infezzjonijiet trasmessi sesswalment. Il-kondoms jipprevjenu t-tqala f'madwar 85% tan-nisa. Jekk kondom jinfaqa' jew jiżloq waqt is-sess, ikkunsidra li tuża morning after pill. Hemm kontraċettivi oħra li joffru protezzjoni aħjar kontra t-tqala mill-kondoms.

Kif tikseb il-kondoms f'Malta: Il-kondoms tal-irġiel li jkopru l-pene huma jinstabu fi ispiżeriji, supermarkits, u kmamar tal-banju pubbliċi madwar Malta u jiswew madwar 1 Ewro kull wieħed. M'hemmx bżonn ta' riċetta ta' tabib. Kun żgur li tiċċekkja d-data ta' skadenza qabel ma tixtrihom. Kondoms tan-nisa li huma mdaħħla mill-mara fil-vaġina tagħha huma inqas poplari f'Malta, iżda jistgħu jinxtraw onlajn minn siti bħal Pleasure Malta.

 

Il-pilloli kontraċettivi (magħrufa wkoll sempliċiment bħala "il-pill") fihom ormoni li jipprevjenu l-ovulazzjoni u għalhekk jipprevjenu t-tqala. Hemm żewġ tipi ta' pilloli kontraċettivi:

Pilloli kontraċettivi orali kkombinati fihom żewġ ormoni li jipprevjenu t-tqala - estrogen u progestogen. Huma madwar 91% effettivi għal bosta nies, għalkemm b'użu perfett huma aktar minn 99% effettivi. Pilloli ta' dat-tip li jinstabu f’Malta jinkludu Adele, Yaz, Yasmine, Yasminelle, Mercilon, Nelya, Vreya, u Qlaria. Kważi kull spiżerija jkollha pilloli kontraċettivi.

Mini pills, magħrufa wkoll bħala progestogen-only pills, fihom ormon wieħed li jipprevjeni t-tqala - progestogen. Lamya hija pillola ta' dat-tip li tista' tinxtara f'Malta. Mini pills jistgħu jkunu kemmxejn inqas effettivi minn pilloli kkombinati, iżda jista' jkollhom ukoll inqas effetti sekondarji (side effects).

Huwa importanti li tieħu l-pilloli kontraċettivi kuljum fl-istess ħin. Issettja alarm fuq it-mowbajl tiegħek jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tiftakar. Jekk tinsa tieħu pillola, segwi l-istruzzjonijiet fuq il-fuljett li jiġi mal-pilloli. Jekk tinsa żewġ pilloli jew aktar wara xulxin u kellek x'taqsam sesswalment ma xi ħadd fl-aħħat ħamest ijiem, għandek tikkunsidra tieħu morning after pill biex tnaqqas ir-riskju li tinqabad tqila. Jekk issib li ta' spiss qed tinsa tieħu l-pill, ikkunsidra kontraċettiv li jaħdem fit-tul bħal intrauterine device jew impjant.

Kif tikseb pilloli kontraċettivi f'Malta: Żur it-tabib tiegħek (tabib tal-familja) jew ġinekologu għal riċetta, imbagħad ixtri l-pilloli kontraċettivi minn kwalunkwe spiżerija f'Malta u Għawdex. Il-pilloli nfushom ġeneralment jiswew bejn 8 u 12-il Ewro kull xahar. Normalment ikollok tara t-tabib tiegħek kull sitt xhur jew kull sena biex iġġedded ir-riċetta.

 

-ċirku vaġinali huwa ċirku tal-plastik artab u flessibbli li fih żewġ ormoni li jipprevjenu t-tqala. Huwa 99% effettiv fil-prevenzjoni tat-tqala jekk jintuża kif suppost. Dawn jintużaw billi l-mara ddaħħal ċirku fil-vaġina kull 4 ġimgħat. Iċ-ċirku jibqa' ġewwa għal 21 jum u mbagħad jitneħħa għal 7 ijiem, u wara jiddaħħal ċirku ġdid.

 

Kif tikseb iċ-ċirku vaġinali f'Malta: NuvaRing u Teyla huma ċrieki vaġinali li jistgħu jinxtraw minn spiżeriji f'Malta u jiswew bejn 20 u 30 Ewro fix-xahar. Iċ-ċrieki vaġinali jinxtraw biss bir-riċetta tat-tabib.

 

Sfortunatament, il-contraceptive patch bħalissa mhix disponibbli f’Malta.

 

Intrauterine devices jiddaħħlu fl-utru u jservu bosta snin. Dawn huma aktar minn 99% effettivi kontra t-tqala. Hemm żewġ tipi ta' intrauterine devices: dawk li fihom l-ormoni (hormones) u dawk li fihom ir-ram (copper).

Intrauterine devices ormonali (magħrufa wkoll bħala IUS) jiddaħħlu fl-utru minn ġinekologu u jipprevjenu t-tqala għal 3-5 snin. Il-Mirena ddum ħames snin u tiswa madwar 180 Euro. Il-Jaydess tintuża f'nisa li qatt ma welldu qabel, u tiswa madwar 145 Euro u ddum tliet snin. L-intrauterine devices bl-ormoni inaqqsu l-qawwa u t-tul tal-periods, u huma ideali għal dawk in-nisa li jbatu minn periods qawwijin.
 

Intrauterine device tar-ram (IUDs) ma fihx ormoni jew mediċini u għalhekk jista' jintuża minn nisa li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jieħdu ormoni. IUDs tar-ram disponibbli f’Malta jinkludu FlexiT u Eurogine li jdumu madwar ħames snin, u l-Monalisa li ddum madwar għaxar snin. IUDs tar-ram huma irħas mill-IUDs ormonali. IUDs tar-ram ma jnaqqsux il-qawwa tal-periods, u f'ċertu nisa jistgħu jagħmluhom iktar qawwijin.

Kif tikseb intrauterine device f'Malta: Il-maġġoranza ta' ġinekologi f'Malta u Għawdex jagħmlu IUDs fil-kliniċi privati ​​tagħhom. Ikkuntattjana jekk trid informazzjoni dwar ġinekoloġisti li jipprovdu dan is-servizz. Huwa normali li meta żżid l-ispiża tal-klinika u tat-tabib, l-IUD ormonali jiġi jqum madwar 300 Euro b'kollox. L-IUDs tar-ram jiswew inqas. Nisa li jbatu minn periods qawwijin jistgħu jiksbu IUD ormonali mingħajr ħlas. Jekk taħseb li int eliġibbli, ikkuntattja t-tabib tiegħek (tabib tal-familja) u staqsi għal riferiment għall-Isptar Mater Dei.

Impjanti ormonali huma vireg żgħar imdaħħla taħt il-ġilda fid-driegħ u jirrilaxxaw ormon li jipprevjeni t-tqala. Huma aktar minn 99% effettivi kontra t-tqala, u b'hekk huma fost l-aktar kontraċettivi effettivi. Bħall-IUDs ormonali, l-impjanti jnaqqsu wkoll il-qawwa tal-periods

 

Kif tikseb l-impjanti ormonali f'Malta: L-impjanti ormonali huma mdaħħla (u mneħħija) biss fi kliniċi privati tal-ġinekoloġija. L-Implanon NXT huwa disponibbli f’Malta, iservi madwar tliet snin, u jiswa madwar 185 Euro, esklużi l-ispejjeż tal-klinika u t-tabib. Ikkuntattjana jekk trid informazzjoni dwar il-ġinekoloġisti li jipprovdu dan is-servizz.

Ftakar li l-kondoms biss jistgħu jipproteġuk kontra infezzjonijiet trażmessi sesswalment. Anke jekk qed tuża kontraċettiv ieħor biex tevita t-tqala, għandek ukoll tuża kondom kull meta jkun hemm riskju ta' infezzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni f'Malta, jekk jogħġbok ara l-websajt ta' Doctors for Choice (Malta) billi tagħfas hawn.

 
 

Trid titkellem ma' xi ħadd dwar it-tipi differenti ta' kontraċezzjoni? Trid tkun taf aktar dwar il-kontraċezzjoni disponibbli f'Malta? Ċemplilna jew uża ċ-chat fir-rokna tal-lemin t'isfel tal-iskrin.